In-Numri tal-Baħar
Il-poeżiji ta’
Anton Buttigieg u Elizabeth Grech,
minn lenti kwantitattiva
Waqt li taqraw il-paġna, isimgħu l-mużika sabiħa ta’ Robert Farrugia, imnebbħa min-natura ta’ Malta, li ntużat ukoll waqt il-wirja.
Ħajr u grazzi mill-qalb lil
Giola Cassar
Merħba
〰️
Merħba 〰️
0A. Din il-wirja tesplora sensiela ta’ poeżiji dwar it-tema tal-baħar minn lenti ta’ analiżi kwantitattiva. Din it-tip ta’ analiżi, tant marbuta mar-riċerka xjentifika u matematika, qed tintuża biex inħarsu lejn poeżiji ta’ Anton Buttigieg u Elizabeth Grech minn angolu mhux tas-soltu.
0B. Filwaqt li t-tnejn jesploraw it-tema tal-baħar, Buttigieg u Grech għandhom stili differenti u daqstant ieħor għexu f’kuntesti differenti. L-analiżi numerika toħrog kemm dak li jgħaqqad lil dawn il-poeti flimkien kif ukoll dak li jagħmel l-istil individwali tal-poeti daqstant partikolari. Ir-riżultati jingħataw il-ħajja permezz tal-viżwalizzazzjoni tad-data, li tgħinna nibdew nifhmu x’qed jgħidulna n-numri.
0Ċ. L-analiżi u l-viżwalizzazzjoni mhumiex l-aħħar pass f’din il-wirja. Anzi, l-intenzjoni hija li dawn iqajmu riflessjoni u kurżità biex tesplora il-poeżiji f’aktar dettall u tintilef f’dinja ta’ emozzjonijiet, kuluri u stejjer.
1. Min huma Anton Buttigieg u Elizabeth Grech?
Anton Buttigieg (1912–1983) twieled il-Qala, Għawdex. Magħruf bħala l-poeta tan-natura, kien wieħed mill-aktar poeti Maltin prominenti tas-seklu għoxrin. Il-mogħdija tiegħu ħaditu lejn il-liġi, il-poeżija u l-politika. Serva bħala t-tieni President ta’ Malta bejn l-1976 u l-1981. Il-kitba baqgħet għal qalbu, b’sensiela ta’ ġabriet ippubblikati matul ħajtu u b’rebħ ta’ diversi premjijiet. Il-baħar, in-natura Għawdxija, u l-esperjenza umana jibqgħu fil-qalba tal-vers tiegħu, u għadu jinqara u jiġi studjat sal-lum.
Il-poeżiji ta’ Anton Buttigieg huma meħudin mill-ġabra Mill-Gallerija ta’ Żgħożiti (Lux Press, 1945).
Kieku ta’ Anton Buttigieg
Kieku l-kwiekeb b’żewġt iġwienaħ,
qishom l-anġli fil-pittura,
ifettlilhom jinżlu ’l isfel
biex jimirħu ġewwa l-ħmura, –
Kieku l-ward u l-weraq kollu
biex jixorbu l-ilma bnin
ifettlilhom li jitilgħu
ħdej’ l-għejun tas-sħab safjin, –
Kieku l-ħut minn qiegħ il-baħar
jixtieq jara wiċċ ma’ wiċċ
nar ix-xemx, u lejn is-sema
ifettillu jfur u jżiġġ...
Kieku l-qtajja’ tal-għasafar
illi jaslu fir-rebbiegħa
mnejn igħaddu biex jistrieħu,
biex jixorbu min-nixxiegħa?!...
U għal xejn ta’ xejn jinħela
ħdejn il-mansab it-tisfir,
il-barżakka tibqa’ vojta,
l-ixkubetta mingħajr tir!
Elizabeth Grech hija poeta u traduttriċi mwielda Malta u residenti lil hinn. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha, bejn baħar u baħar (Merlin Publishers, 2019) tesplora x-xewqa, it-tluq u r-rabta mal-baħar Mediterran b’vuċi personali u intima. B’għażla wiesgħa ta’ proġetti ta’ poeżija u traduzzjoni, stediniet, u intervisti, ix-xogħlijiet ta’ Grech ġejjin minn 20 sena ta’ esperjenza u jirrappreżentaw vjaġġ fl-identità tagħha bħala mara, bint, omm, u ħabiba.
Il-poeżiji ta’ Elizabeth Grech huma meħudin minn bejn baħar u baħar (Merlin Publishers, 2019)
Ritratt ta’ Zvezdan Reljiceric satie - I. Lento ta’ Elizabeth Grech
Dar-riħ imgħaddab
irid imiegħek l-art u kollox magħha,
kilba mrażżna wara raqda twila.
Illum.
Ilbieraħ ixxabbatt miegħek fil-għoli,
saqajja ħafja
fuq ħaxix imberfel, iwaħħal.
Tgerbibt fiż-żrar, dalgħodu,
u żlaqt min-naħa l-oħra
ta’ sodda mqarba.
Il-baħar ġibidni ’l isfel,
xerridli l-ħlewwa
ta’ kliemek li kont qed inross f’idi.
U kważi ntlift.
2. Għalfejn għażilna lil Anton Buttigieg u Elizabeth Grech?
Għażilna poeti minn perjodi differenti, mara u raġel, minn kuntesti soċjali u sfond differenti. Elizabeth Grech Maltija li għexet Franza u l-Italja, Anton Buttigieg Għawdxi li għex Malta. Fl-istess waqt, Buttigieg huwa l-poeta tan-natura u Grech poeta li isem il-ktieb tagħha stess jixhed il-ġibda tagħha lejn in-natura.
-
L-iskop tal-analiżi kien li niffukaw fuq żewġ ġabriet tal-poeti, u nanalizzaw il-poeżiji li jsemmu l-baħar. Dawn ġew analizzati permezz ta’ tliet metodi: analiżi tal-frekwenza, li tkejjel kemm-il darba tintuża kull kelma; analiżi tal-n-grams, li tidentifika liema kliem jidher flimkien; u analiżi tas-sinonimi, li tgħaqqad kelmiet b’tifsira simili taħt l-istess kategorija.
-
L-ilwien koħol użati fil-wirja huma ispirati minn ritratti li ħadet l-analista Yanika fil-mixjiet tagħha fl-inħawi ta’ fejn toqgħod u minn fuq l-ajruplan meta tkun waslet biex tinżel lura Malta wara xi vjaġġ.
4B. Il-kuluri tal-proġett
Fomm ir-Riħ
Il-Blue Lagoon
L-Għadira
Il-Fliegu ta’ Għawdex
L-Aħrax
5. Ir-riżultati u l-viż
6. Issa xi jmiss?
Jien nemmen li analiżi kwantitattiva tista’ titqies tajba jekk tqanqal kurżità u aktar mistoqsijiet. Għalhekk ninkoraġġikom tintilfu fil-poeżiji ta’ Elizabeth u Anton, tiskopru l-poeti l-oħra Maltin, u jekk għandkom ideat fuq aktar analiżi ibagħtuli hawn ħa niddisktu.
7. Imma kif tinbena viżwalizzazzjoni tad-data?
Dan huwa l-proċess ta' kif kanvas vojt jiġi ttrasformat f'storja bid-data. Wara l-analiżi, inħażżeż l-ideat tiegħi marbutin ma' kif ħa nirrappreżenta r-riżultati fuq karta. Imbagħad jibda proċess twil li permezz tiegħu nibni l-ideat ftit ftit fuq l-iscreen, u jekk ikun hemm bżonn inbiddel id-direzzjoni.
8. Il-Festival u l-wirja
Dan il-proġett u wirja huma parti mill-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2026 organizzat min Inizjamed.
Il-wirja ttellgħet Spazju Kreattiv, Awwissu 2026.
9. It-tim tal-ġenn wara dan il-proġett
Riċerka, analiżi u preżentazzjoni: Yanika Borg (The Data Knitters)
Kurazzjoni tal-wirja: Matthew Schembri
Mużika: Robert Farrugia (parti minn Natura Maltija ta’ Saviour Bonnici)
Kordinazzjoni: Jean Paul Borg u Leanne Ellul
Isimgħu il-mużika ta’ Robert hawn, aqraw ix-xogħol ta’ Leanne hawn, ta’ Jean Paul hawn u ta’ Matthew hawn.
Ir-ritratti tal-baħar f’din il-paġna huma kollha xogħli.